Fil-fruntiera tal-lvant tal-UE qed ikun hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta’ migranti li qed jaslu. Fl-2024, l-għadd ta’ dawk li daħlu fl-UE mill-fruntiera mal-Belarussja żdied b’66% meta mqabbel mal-2023. Ir-Russja u l-Belarussja qed jieħdu vantaġġ min-nies b’viża Russa maħruġa għall-finijiet ta’ studju jew turiżmu u, f’att ta’ ostilità, jużaw il-bnedmin bħala għodda politika biex jiddestabbilizzaw lis-soċjetà tal-UE billi jisfruttaw il-prinċipju tad-dritt għall-ażil li l-UE tħaddan. Lil din il-gwerra ibrida rridu niqfulha. Huwa għalhekk li l-UE ħarġet b’numru ta’ azzjonijiet li se jsaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi tal-UE biex jopponu din it-theddida ibrida u jsaħħu s-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE.
Dawn l-azzjonijiet huma:
- Li nidentifikaw l-isfidi li hemm fil-fruntieri esterni tal-art li l-UE għandha mar-Russja u mal-Belarussja u t-theddida għas-sigurtà tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE biex ma jħallux lir-Russja u lill-Belarussja jużaw il-prinċipji u l-valuri Ewropej, inkluż id-dritt għall-ażil, kontra l-UE.
- Li nsaħħu r-rispons politiku u l-appoġġ operazzjonali tal-UE. Fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja diġà ġew stabbiliti diversi miżuri tal-UE kontra l-użu tal-migranti bħala arma. Biex tkompli tissaħħaħ is-sorveljanza tal-fruntieri fil-fruntieri mar-Russja u mal-Belarussja, l-UE issa qed tagħmel disponibbli €170 miljun biex tappoġġa t-titjib tat-tagħmir ta’ sorveljanza elettronika, it-titjib tan-networks tat-telekomunikazzjoni, l-użu ta’ tagħmir mobbli ta’ detezzjoni jew il-ġlieda kontra l-intrużjonijiet bid-droni.
- Li nistabbilixxu l-kuntest ġuridiku. Il-pajjiżi tal-UE huma legalment obbligati jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tan-non-refoulement (il-garanzija li ħadd m’għandu jintbagħat lura lejn pajjiż fejn ikollu jbati t-tortura jew trattament kiefer, inuman jew degradanti). Quddiem it-theddida ibrida attwali, u f’konformità mat-Trattati tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-ażil. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu eċċezzjonali, temporanji, proporzjonati u għal każijiet definiti b’mod ċar.
- Li nżidu l-kooperazzjoni mal-UE u ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE li huma affettwati huma mistednin biex jikkooperaw mill-qrib mal-UE u ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE biex niżguraw il-konsistenza u l-effettività ta’ kwalunkwe azzjoni relatata.
L-UE se tappoġġa dejjem lill-pajjiżi tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw Unjoni sikura u sigura b’żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu użu mill-possibbiltajiet kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni lesta li taħdem ma’ dawk il-pajjiżi li jieħdu miżuri eċċezzjonali.
Għal iktar informazzjoni
Era ġdida għad-difiża u s-sigurtà tal-Ewropa
Finanzjament tal-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Diċembru 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni